Tnax-il diskors Parlamentari – aktar riformi – Jannar 2010

S185                26.01.10                                  Franco Debono
Abbozz ta’ Liġi li Jimplimenta Miżuri tal-Estimi  –  Abbozz Nru 34

ONOR. FRANCO DEBONO:  Mr Speaker, il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika. Ma nemminx li dan huwa xi twemmin vag, xi twemmin fl-arja imma naħseb li matul is-snin din il-ħaġa poġġiha fil-prattika.  U naħseb li għandna nkunu viġilanti li nibqgħu npoġġuha fil-prattika anke fiż-żmenijiet tal-lum.  Kif tissarraf din fl-ambitu tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-budget?  Jien se niffoka speċjalment fuq il-qasam tal-ġustizzja.

Fil-ġranet li għaddew kelli opportunità li nitkellem dwar dan fil-qosor u forsi llum se jkolli opportunità li namplifika aktar. Tkellimt anke fil-kontest ta’ x’ġara f’dan il-parlament fil-ġranet li għaddew dwar il-kwestjoni tad-dritt tal-avukat waqt l-interrogazzjoni.  Per eżempju, fid-diskors tal-budget li kont għamilt fit-18 ta’ Novembru tal-2008 kont sħaqt fuq il-ħtieġa li nemendaw diversi aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-qasam tal-investigazzjonijiet. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent. Jien hawnhekk għandi l-editorjal ta’ “The Sunday Times” li forsi ta’ min wieħed jikkoreġih. Wieħed jifhem għaliex sfortunatament l-editur ta’ “The Sunday Times” ħafna drabi ma jifhimx x’inkun qed ngħid.  Fl-editorjal ta’ nhar il-Ħadd jingħad li: “The announcement that legislation will be enacted next month …” It will not be enacted  next month. Meta kont qed nipprotesta li din il-leġislazzjoni għaddiet mill-parlament imma għadha ma daħlitx fis-seħħ forsi l-editur ma kienx qed jifhem biżżejjed x’kont qed ngħid.  Jien ngħidlu li din il-leġislazzjoni ilha fuq il-ktieb seba’ snin u kont qed insabbat saqajja għax dak huwa dover tiegħi ta’ deputat.

Jien m’iniex editur jew ġurnalist imma għandi rispett lejhom. Il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa huma sagrissimi però daqstant ieħor il-media għandu jkollha rispett lejn id-deputati li ġew eletti mill-poplu. Daqstant ieħor il-media u ċerti sezzjonijiet tal-media, b’mod partikolari, għandu jkollhom rispett lejn id-deputati.  Hawnhekk ikolli nikkoreġi lill-editur li forsi ma kienx qed jifhem dak li kont qed ngħid.  Din ma kentix liġi li għad trid tgħaddi, din kienet liġi li għaddiet – kuntrarjament għal dak li kiteb – żmien ilu, qabel jien kont fil-parlament. Wara kollox din kien hemm qbil dwarha, kienet għaddiet u kienet konformi mal-prinċipji li nemmen fihom u li jien leali lejhom. Jien għalhekk ili snin twal fil-Partit Nazzjonalista għax nemmen f’dawn il-prinċipji. Fil-fatt waħda mill-ewwel liġijiet li għaddiet mill-parlament meta tela’ Gvern Nazzjonalista fl-1987 kienet dik li tinkorpora l-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.  Dan hu dak li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista.

Imbagħad, sfortunatament, fl-editorjal għamel żball ieħor meta qal li dan id-dritt se jkun li tikkonsulta għal nofs siegħa. Lanqas din ma ġabha tajba.  Sur editur,  ma tridx tkun xi rocket scientist tal-ġurnal “The Sunday Times” biex tkun tafha din.  Mur ara l-liġi li qiegħda online. Hemm qiegħda, kemm taraha, imma Allaħares titolbu correction għax jarma jgħajrek u jikkritikak li trid tidher!  Dawn in-nies ma tistax tikkoreġihom għax ma jiżbaljawx!  Mela meta jien kont qiegħed waħdi – biex inkun onest u leali ngħid li l-Onor. Herrera wkoll tkellem dwar dan id-dritt – kkritikani għax sabbatt saqajja u meta tal-ġurnal “The Times” ħaduli intervista lanqas kellhom id-diċenza li jippubblikawha.  Imma issa morna oltre, mhux biżżejjed!

Mela meta kont qed ngħid li għandna ndaħħlu dak li ilu rieqed żmien fil-Kodiċi Kriminali jipprovaw jagħlqulek ħalqek u issa għax ftehemna li se tidħol qalu li din hija xi ħaġa kosmetika u m’aħna se nagħmlu xejn.  Hekk kien hemm fuq l-editorjal.  Bir-rispett kollu, jien mhux biss kont ili ngħid li trid issir riforma ferm usa’ imma fir-right of reply li bgħattilhom tal-intervista li ħaduli “The Times” u li qed jirrifjuta li jippubblika, jien kont ktibtilhom hekk:

“I also made reference to the fact that the introduction of this right must form part of a wider reform including not only the strengthening of the Police Force but also the distinction between the roles and persons occupying the post of inquiring and judicial magistrates.”.

Mela l-intervista ma ġietx pubblikata, ir-right of reply lanqas,  imbagħad jikteb editorjal mimli żbalji biex jagħtina s-suġġerimenti. U jien ngħid aktar minn hekk. It-Tlieta ta’ qabel dan l-editorjal, jien kont tajt kummenti lil “The Times” li baqgħu qatt ma ġew pubblikati u li jixbħu ħafna dak li ġie rapportat fl-editorjal.  Li naf hu li l-editur lanqas il-basics ma ġab sewwa. Dan lanqas qal “will be put into force” imma “will be enacted”.  U la lanqas il-basics ma ġab sewwa, dawn il-proposti minn fejn ġabhom? Jekk lanqas il-basics m’għandna f’posthom! Imma d-deputati ma jistgħux iwasslu messaġġ, ma jistgħux jagħmlu xogħolhom, ħaddieħor jista’.  Għalhekk jien nixtieq li dan il-parlament ikollu media suffiċjenti għalih.  Jien jidhirli li dan il-parlament għandu jkollu d-dinjità tiegħu u jkollna l-forum fejn issir id-diskussjoni.  Id-diskussjoni hawn issir.

Id-distinzjoni bejn ir-rwoli ili nitkellem dwarha imma hemm min jidhirlu li dwar dan m’għandux għalfejn jirrapporta.  Imbagħad meta jidhrilna nirrapportaw!  Kif għedt, jien ilni nitkellem dwar id-distinzjoni bejn ġudikant li jkun iffokat fuq l-inkjesti li xogħlu jkun li jagħmel l-inkjesti …  Jien nemmen li d-dħul fis-seħħ ta’ din l-emenda se tkun a major overhaul f’dak li jiġri llum il-ġurnata fil-qasam tal-investigazzjonijiet. Kemm jien kif ukoll l-Onor. Herrera konna tkellimna dwar dan. Jien ħdimt biss fil-kamp kriminali u meta bdejt immur il-qorti niftakar li kont ninnota kif kienu jġibu ruħhom nies bħall-Onor. Herrera, li jkunu hemm qablek. Dawn kellhom snin twal ta’ esperjenza u mingħandhom, b’umiltà ngħid, li tgħallimt ħafna.  Jien naħseb li l-Onor. Herrera jaqbel miegħi li din se tkun a major overhaul u kif għedt f’kumment li tajt lil “The Times” it-Tlieta, bħal-lum ġimgħa, jiġifieri sitt ijiem qabel l-editorjal, din l-implimentazzjoni rridu nagħmluha b’mod sensittiv.

Dan jinvolvi proċess laborjuż u allura rridu noqogħdu attenti sabiex din ir-riforma tkun suċċess.  Pajjiżi oħra għandhom diversi manwali u diversi dettalji fuq kif isiru l-investigazzjonijiet u naħseb li aħna rridu nikkuraw dan l-aspett. Din hija emenda sensittiva immens u għandek marbuta magħha li wieħed irid jara l-kwestjoni tad-disclosure.  Wieħed irid jara wkoll l-inferenza li hemm marbuta magħha kif ġiet interpretata speċjalment fl-Ingilterra.  Din hija liġi li ġiet mudellata fuq il-liġi Ingliża u allura wieħed irid jitgħallem mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħrajn. Aħna għandna l-proċedura li hija kollha bbażata fuq il-liġi Ingliża.  Is-sostantiv fil-kriminal huwa bbażat fuq il-liġi kontinentali però ħafna mil-liġi ta’ proċedura hija bbażata fuq il-liġi Ingliża u allura għandna l-opportunità li nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi bħall-Ingilterra.

Sur President, jirriżultali li fuq il-kwestjoni tal-inferenza kien hemm xi ftit xettiċiżmu u wieħed irid jara kif taħdem. Jien nistenna li jkun hawn ftit ta’ diskussjoni wkoll.  Per eżempju, jien tkellimt mal-Ministru dwar dan l-aspett u naħseb lil rridu nkunu għaqlin ħafna biex nimplimentaw din ir-riforma.  Din mhijiex riforma kosmetika.  Naħseb li l-kollega tiegħi, l-Onor. Herrera, jaqbel miegħi li sal-lum meta jċemplulek in-nies għax ikollhom qrabathom arrestati, taħli parti sostanzjali mill-ħin tfehemhom li l-avukat m’għandux dritt ikellimhom u dak li jkun kemm kemm ma jipprovax ikellem lil avukat ieħor għax jaħseb li tkun qed tigdiblu. lllum għal grazzja ta’ Alla dan il-punt ġie sorvolat.  Fid-dikjarazzjonijiet kollha li għamilt tkellimt f’dan is-sens li dan kien pass ‘il quddiem li ħadna ftit taż-żmien biex implimentajnih.

Biex inkun leali lejn il-Ministru tal-Ġustizzja, diversi drabi kelli l-opportunità nfaħħar ħafna l-operat tiegħu għax mexxa l-affarijiet f’ħafna oqsma, speċjalment fil-kamp ċivili.  Rigward artiklu 166A, rigward il-mediations u rigward mandati,  nifraħ lill-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici għax għamel riformi kbar. Din il-liġi kienet tinkwetani daqsxejn speċjalment minn meta l-qorti Ewropea, fil-każ ta’ Murray, kienet waslet qrib biex tiddeċiedi li dan huwa dritt fundamentali imma ma waslitx s’hemm. Però wara l-każ ta’ Saldus u l-każ ta’ Pavanotis kontra Ċipru, jekk m’iniex sejjer żball, il-qorti Ewropea rriteniet li dan huwa dritt fundamentali.  Jien bdejt ninkwieta wkoll għax wara dawk is-sentenzi jista’ jkollok riperkussjonijiet fuq il-proċeduri li hemm pendenti u għalhekk deherli li għandna nagħmlu sforz aktar qawwi sabiex nimplimentaw u ndaħħlu fis-seħħ dan id-dritt.

Niġi għall-aspett ieħor u dan norbtu mal-kwestjoni tal-budget għax din hija xi ħaġa li jrid ikun hemm allokat għaliha diversi fondi. Nemmen li hemm bżonn investiment qawwi f’dak li għandu x’jaqsam mal-laboratorju forensiku. Kull meta ppronunzjajt ruħi ħafna ma kenux jafu għax dan il-parlament m’għandux media suffiċjenti biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Meta tkun għadek dieħel fil-parlament ikollok ċerta ħeġġa però hawn nies hawnhekk li ilhom ħafna snin fil-parlament u nista’ ngħid li tieħu gost tara l-ħeġġa li biha jaħdmu. Deputati kemm fuq in-naħa tal-gvern kif ukoll fuq in-naħa tal-oppożizzjoni għad għandhom l-istess ħeġġa tal-ewwel snin li kienu fil-parlament.  L-Onor. Mangion qed jitbissem. Naħseb li dan huwa wieħed min-nies li jieħu x-xogħol parlamentari b’ċertu interess però ħalli niġi għas-suġġett.

Fl-ewwel diskors li għamilt fil-parlament kont semmejt, għax din hija wegħda elettorali, li għandu jkollna apparat tad-DNA.  Naħseb li huwa importanti ħafna li din l-emenda ninkwadrawha fil-kontest tat-tisħiħ tal-pulizija fil-ħidma ċentrali u fil-ħidma fundamentali li tagħmel fiż-żamma tal-ordni fis-soċjetà tagħna.  Nemmen li rigward il-pulizija, fiż-żmien tal-lum, qegħdin inpattu għal dak li missna għamilna fil-passat.  Il-passat ħafna drabi nħarsu lejh b’ċerta nostalġija. Dan il-pajjiż mexa ħafna ‘l quddiem però kultant f’ċerti aspetti nemmen li stajna nimxu ħafna iktar u naħseb li qegħdin inpattu l-prokrastinazzjoni li kellna f’ċerti oqsma. Per eżempju, illum ir-reati jissolvew mill-pulizija prinċipalment permezz ta’ apparat forensiku li jkun adegwat. Għandek ċerti nies li jafu li m’għandhomx bżonn l-avukat u xorta ma jammettux, jiġifieri xorta ma jitkellmux mal-pulizija bil-parir legali u mingħajru xorta ma jitkellmux imma l-pulizija għandha arma li jekk tkun għad-dispożizzjoni tagħha b’mod adegwat, din tkun arma potenti.

L-ewwel nett l-akbar arma li għandha l-pulizija hija r-riżors uman għax nemmen taħt il-Kummissarju John Rizzo, għal dawn l-aħħar snin, kellna korp motivat, korp serju u korp li jagħmlilna ġieħ, u ejja ntejbuh. Sfortunatament nafu li dan l-aħħar is-Sur Rizzo għadda minn żmenijiet diffiċli imma għall-grazzja ta’ Alla u bl-għajnuna ta’ Alla …

MR SPEAKER: Onor. Debono, ippermettili nwaqqfek għax sar il-ħin.  Se tibqa’ in possession?

ONOR. FRANCO DEBONO:  Iva.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *