Id-Disa’ Diskors Parlamentari – l-power station f’Delimara – Gunju 2009

Aġġornamenti tal-Onor Franco Debono, MP

Estratt mis-Seduta Nru 132 tat-Tlieta, 23 ta’ Ġunju, 2009

ONOR. FRANCO DEBONO:  Sur President, kelli diversi drabi l-opportunitá li nitkellem dwar iż-żona li jiena nirrappreżenta f’dan il-Parlament, imma b’mod partikolari llum xtaqt nagħmel riferenza għal sitwazzjoni kemm ambjentali kif ukoll dik li tikkonċerna s-saħħa tar-residenti, mhux biss fl-inħawi tax-xaqliba ta’ Marsaxlokk, Birżebbuġa, iż-Żejtun u Wied il-Għajn, imma aktar lil hinn minn dawn l-inħawi.  Peress li pajjiżna huwa żgħir huwa faċli li xi tip ta’ inkwinament li jkun hemm f’xi lokalità partikolari jilħaq irħula oħra, għax  minkejja li dawn l-irħula hemm konfini bejniethom, għall-arja li tkun imniġġża m’hemmx konfini.  Din tibqa’ tinfirex mhux biss fl-irħula tal-madwar imma anke aktar ’il bogħod minn fejn din tkun oriġinat.

 

Nixtieq nagħmel ukoll riferenza għall-kwalità ta’ arja b’konsegwenza tal-power station.  Nafu kemm il-power station hija essenzjali u għalkemm forsi fil-ġranet tal-lum, bl-iżviluppi kbar industrijali li għandna sirna neħduha for granted, wieħed jirrealizza aktar l-utilità u l-indispensabilità tagħha meta jkun hemm xi qtugħ fil-provvista tal-elettriku, kif fil-fatt kellna fil-ġranet li għaddew.  Filwaqt li wieħed jifhem li l-ġenerazzjoni tal-elettriku f’soċjetà moderna hija xi ħaġa fundamentali li ma tistax tgħaddi mingħajrha – illum fortunatament f’pajjiżna hawn dibattitu ħaj dwar mezzi ta’ enerġija alternattiva – fl-istess waqt wieħed irid ikun viġilanti kontinwament fuq ir-riperkussjonijiet mhux biss ambjentali, imma anke dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ saħħa.  Nafu li l-ġenerazzjoni tal-elettriku tipproduċi kimika li tinkludi fost l-oħrajn il-carbon dioxide, is-sulphur u n-nitrogen, u dawn huma ta’ ħsara kbira għas-saħħa tal-bniedem.  Dawn l-emissjonijiet jagħmlu wkoll ħsara lill-annimali, il-baħar, il-flora u l-fawna marittima, li jinsabu mhux biss f’dik iż-żona partikolari minn fejn jorġinaw imma anke f’żoni li mhumiex daqshekk viċini.

 

Sur President, jien ikolli laqgħat regolari mal-kostitwenti tiegħi u ċertament nixtieq inwassal f’dan il-parlament il-preokkupazzjoni ta’ dawk il-persuni li jistgħu jiġu affettwati mill-emissjonijiet li joħroġu mill-power station eżistenti.  Qed nirreferi għall-power station ta’ Delimara li ilha tiffunzjona għal madwar 11-sena jew iktar u li qiegħda tikkumplimenta l-power station tal-Marsa.  Mill-informazzjoni li għandi jeżistu infringement procedures f’istituzzjonijiet Ewropej għax jista’ jkun li l-emissjonijiet li joħorġu minn din il-power station ma jaqgħux fil-parametri ta’ dak permess mid-direttivi tal-Unjoni Ewropea.  Jiena nħoss li fl-ewwel lok jeħtieġ li nadottaw l-aktar sistemi avvanzati sabiex isir moniteraġġ serju, kostanti u kontinwu u nkejlu bi preċiżjoni kbira l-kimiċi li qegħdin joħorġu mill-emissjonijiet taċ-ċumnija tal-power station għax nafu li dawn jistgħu jwasslu għal mard serju.  It-tieni, jekk huwa l-każ li l-emissjonijiet li qed jiġu ġenerati minn din il-power station verament ma jaqgħux fil-parametri tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li minnufih u bl-akbar urġenza nassiguraw li dawn ikunu skont il-parametri permessi mid-direttivi tal-Unjoni Ewroepa.  Sur President, nerġa’ ngħid li hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu biss fuq l-ambjent, imma anke fuq is-saħħa tal-bniedem.

 

Fid-diskors tal-President, fil-ftuħ ta’ din il-leġislatura, deher minnufih li l-programm leġislattiv tal-gvern kellu bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu l-qasam ambjentali u r-rispett lejn l-ambjent. Dan qed jidher b’mod konkret għax kif diġà għedt jeżisti dibattitu ħaj dwar l-enerġija alternattiva.  Hawn kuxjenza ħajja tal-bżonn illi niġġeneraw l-enerġija tagħna minn sorsi alternattivi ta’ enerġija rinovabbli.  Minbarra hekk, kif ċertament qegħdin nagħmlu u kif ċertament il-politika konvinta ta’ dan il-gvern hi li jġib l-ambjent fuq quddiem fl-aġenda politika tiegħu, nemmen li jekk l-emissjonijiet li joħorġu mill-power stations ta’ Delimara u anke tal-Marsa qed jiksru d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, għandna immedjatament nassiguraw li l-kriterji li hemm f’dawn id-direttivi jiġu rispettati u osservati.  Naturalment kull ħsara hija ħażina fiha nfisha, imma aktar u aktar jekk din tkun ta’ ċerta entità u għaldaqstant jista’ jkollha konsegwenzi koroh fuq is-saħħa tal-bniedem.

Nixtieq ngħid xi ħaġa dwar Marsaxlokk.  Riċentement kelli l-opportunità li flimkien mal-Ministru George Pullicino nattendi għall-bidu tal-proġett ta’ promenade f’din il-lokalità. Nieħu gost ngħid li dan ix-xogħol ta’ tisbiħ diġà jinsab fi stadju avvanzat fejn fuq naħa waħda tat-triq saru l-bankini u nbidlet is-sistema tad-drenaġġ li kellha bżonn kbir li tiġi rranġata.  Kif għedt qabel, il-kwalità tal-arja ukoll tikkonċerna din iż-żona li fil-pjan lokali hija msejħa bħala l-Bajja ta’ Marsaxlokk.  Qed nirriferi għaż-żona li tibda minn Delimara, tibqa’ sejra lejn Birżebbuġa u tasal sa Ħal Far.   Illum smajt ukoll l-aħbar li d-development brief dwar l-area Tal-Girien se jiġi trattat f’laqgħa pubblika li se tħejji l-MEPA nhar il-Ħamis li ġej.  Dan juri li r-rispett u l-kuxjenza ambjentali qegħdin jikbru f’dan il-pajjiż, imma naturalment il-kwalità tal-arja tikkonċerna wkoll il-vapuri li jidħlu f’dan il-port.  Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq żona li llum hija żona industrijali, għax apparti li hemm il-power station hemm ukoll il-Freeport li jikkontribwixxi ħafna għall-ekonomija tal-pajjiż.  Il-Freeport was a success story, grazzi għan-nies li bdew din l-idea, imma wkoll għal dawk li baqgħu jmexxuh ‘il quddiem għax b’hekk espanda matul is-snin u ħaddem ammont kbir ta’ nies. Għaldaqstant nifraħ u nirringrazzja lil kulmin ta kontribut fih.

 

Però nixtieq nara wkoll l-industrija terfa’ s-social responsibility tagħha u tikkontribwixxi biex jiġi ripristinat dak il-bilanċ u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti taż-żona. Meta inti għandek industrija xi ftit jew wisq din se jkollha impatt, speċjalment fuq dawk in-nies li jgħixu f’dik il-lokalità.  Nemmen li biex jiġi ristabbilit il-bilanċ ambjentali għandu jkun hemm kontribut iktar minn ċerti industriji li jkunu f’din iż-żona.  Jiena semmejt il-vapuri li jidħlu fil-port, per eżempju, u dawn żgur se joħolqu tniġġiż permezz tad-dħaħen li joħorġu minnhom.  Bl-istess raġunament li kont qed nagħmel għall-emissjonijiet li joħorġu miċ-ċmieni tal-power station, dawn l-emissjonijiet jitferrxu fl-arja u jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-ħajja tal-bniedem.  Għalhekk nemmen li għandu jsir moniteraġġ kif ukoll sorveljanza stretta tal-emissjonijiet li joħorġu mill-bċejjeċ tal-baħar li  jidħlu ġewwa l-port.

Sur President, jien wasalt biex nikkonkludi u l-messaġġ tiegħi huwa bażikament dan:  Ejjew nirrispettaw l-ambjent u ejjew nirrispettaw is-saħħa tal-bniedem.  Jien ħassejtu dover tiegħi li nwassal il-preokkupazzjonijiet tan-nies li tkellmu miegħi f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiz.  Għaldaqstant, kif diġà għedt, nemmen li għandna nassiguraw, naċċertaw u nkunu rigorużi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ emissjonijiet li jista’ jkollhom effett u impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem.  Grazzi, Sur President.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *